Il-maħżen tal-Valyou fin-Naxxar sanitizzat wara li ħaddiem fil-maħżen ġie nfettat bil-coronavirus

By 8th April 2020News [MT]

Il-maħżen tal-Valyou fin-Naxxar ġie ssanitizzat nhar it-Tnejn li għadda, wara li ġie kkonfermat li wieħed mill-ħaddiema tal-maħzen, irrizulta pożittiv għal COVID-19.

Il-kumpanija immedjatament ħadet il-miżuri kollha biex tiżgura s-saħħa tal-ħaddiema u l-klijenti tagħha, taħt id-direzzjoni tal-Ministeru tas-Saħħa, li taw parir li l-ħanut jista’ jibqa’ jopera wara li ttiehdu dawn il-mizuri ta’ sanita’. Dan il-proċess ta’ sanitizzazzjoni ġie ċċertifikat ukoll minn kumpanija professjonali f’dan il-qasam.

Il-ħaddiem milqut kien storekeeper u ma kellu l-ebda kuntatt mal-klijenti. Kollegi tieghu fil-maħzen, li kellhom kuntatt dirett ma’ dan l-istess storekeeper, ingħataw kwarantina obbligatorja. Fl-istess waqt, il-kumpaniji kollha li magħhom kellu kuntatt riċenti, ġew avżati b’dan il-kaz, kif issuggerixxu l-awtoritajiet lokali.

Kemm il-maħżen kif ukoll is-supermarket innifsu ġew sanitizzati, minkejja li l-ħaddiem ma kienx daħal fis-supermarket, peress li dan kien jaħdem biss fil-maħżen. Dan sar bħala miżura ta’ prekawzjoni addizzjonali.

Ix-xahar li għadda, il-kumpanija ħarġet b’numru ta’ miżuri b’reazzjoni għal COVID-19, li waħda minnhom kienet li bdiet tiċċekkja t-temperatura tal-ħaddiema hekk kif kienu jaslu għax-xogħol. Il-ħaddiem affettwat ma wera l-ebda sintomi jew deni li tipikament huma assoċċjati mal-virus. Huwa ma daħalx għax-xogħol nhar il-Ħadd li għadda minħabba uġiegħ fl-istonku, u wara ġie identifikat bħala kaz pożittiv; u minn dak in-nhar ma reġgħax daħal għax-xogħol.

Il-kumpanija kienet minn tal-ewwel li implimentat numru ta’ miżuri ta’ prekawzjoni biex tissalvagwardja l-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali. Internament il-kumpanija kienet avżat lill-ħaddiema kollha li vvjaġġaw riċentament sabiex josservaw id-direttivi tal-Ministeru tas-Saħħa, u t-temperatura tagħhom kienet u għada qed tittieħed kuljum. Il-ħaddiema kollha jilbsu ilbies protettiv f’kull ħin.

Barra minn hekk, il-kumpanija implimentat ukoll numru ta’ miżuri preventivi, fosthom aktar sigurta’ fuq il-post,  sanitisers f’kull daħla, u diversi sinjali li jindikaw id-distanza soċjali xierqa bejn in-nies fis-supermarket, fost miżuri oħra.

Il-kumpanija se tkompli tieħu kull miżura biex tiżgura s-sigurta’ tal-impjegati u l-klijenti tagħha u tenna li din hija l-prijorità ewlenija.